Merħba fis-sit uffiċjali tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara

Fdalijiet arkeoloġiċi jixhdu li n-nies ilha tgħammar fl-inħawi ta’ Birkirkara ta’ llum sa mill-ewwel żminijiet tal-bniedem f’dawn il-gżejjer, jiġifieri fi żmien il-kultura li ħallitilna dawk il-monumenti uniċi li huma t-Tempji Megalitiċi u li kienet għebet inspjegabbilment lejn nofs it-tielet millennju Q.K. Hemm ukoll ħjilijiet tal-qagħda tal-bniedem fiż-żminijiet Puniċi u Rumani.

Aktarx li l-oriġini ta’ Birkirkara ta’ żmienna, bħal tal-irħula antiki l-oħra ta’ Malta tmur lura lejn is-seklu ħdax wara li l-gżira kienet ġiet ripopolata wara xi 200 sena minn meta kienet għaddiet taħt l-Għarab Aghlabiti mit-Tunisija. Meta mbagħad lejn nofs is-seklu tnax Malta reġgħet għaddiet fl-isfera Ewropea permezz tan-Normanni u qawwiet oħra li kienu jaħkmu wkoll Sqallija, Birkirkara messha wkoll sehem minn dak li għaddiet minnu l-gżira f’dawk iż-żminijiet fewdali, sa ma fl-1530, Malta ngħatat mir-Re ta’ Spanja lill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Sa din l-aħħar sena Birkirkara kienet stabbiliet ruħha bħala wieħed mill-ewlenin irħula u l-aktar popolati tal-gżejjer, hekk li fih u fil-limiti estensivi ta’ madwaru twaqqfet waħda mill-ewwel cappellae jew parroċċi f’Malta. Minkejja li l-Kavallieri ġabu ċerta sigurtà u eventwalment prosperità f’dawn il-gżejjer, Birkirkara kienet sfat imħarbta kemm fl-inkursjoni kbira ta’ Dirghut Rais (1551) u fil-magħruf Assedju l-Kbir (1565). Iżda meta kull ma jmur l-Ordni beda jġib ruħu b’mod aktar awtokratiku mal-Maltin naraw fost l-oħrajn nies ta’ karattru bħal Dun Filippu Borg, kappillan ta’ Birkirkara, li jagħmel ħiltu biex jipprova jirristabbilixxi d-drittijiet tal-Maltin u li waqqaf l-ewwel Kolleġġjata (1630) bil-għan li jipprova joħloq enklavi b’ċerta awtonomija.

Il-prosperità relattiva tas-sekli sbatax u tmintax ġabet żieda fil-popolazzjoni u ċerta kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Karkariżi wkoll, u ż-żieda fil-popolazzjoni tat lok għat-twaqqif ta’ parroċċi oħra fi rħula oħra fil-limiti ta’ Birkirkara. Dan kien rifless ukoll fil-bini ta’ żewħ knejjes parrokkjali, it-tnejn ġawhriet tal-arkitettura Maltija tal-perjodu tagħhom: il-Knisja l-Qadima u l-Kolleġġjata u Bażilika ta’ Santa Liena.

Il-Karkariżi, taħt it-tmexxija tal-kumpatrijott Vincenzo Borg (Brared) taw sehem qawwi fir-reżistenza tal-Maltin kontra l-invażuri Franċiżi (1798-1800) u magħhom ukoll għaddiet mill-inżul u t-tlajja’ matul il-preżenza fostna tas-superpotenza Ingliża (1800-1964).

Biżżejjed wieħed jifktakar f’dak li għaddiet minnu fit-Tieni Gwerra Dinjija, meta għalkemm ma sofrietx wisq mill-ħbit mill-ajru, kellha hi wkoll il-vittmi tagħha, laqgħet fiha eluf ta’ refuġjati mill-inħawi l-aktar milquta ta’ madwar il-portijiet, kif ukoll it-teżori sagri u artistiċi ta’ uħud mill-knejjes tagħhom. Kienu stabbiliti fiha sptarijiet u uffiċċji tal-amministrazzjoni governattiva hekk li kienet bdiet tissejjaħ: Malta’s emergency capital.

Birkirkara llum nistgħu ngħidu li hija parti mill-konurbazzjoni ta’ madwar il-portijiet ewlenin u hija l-lokalità bl-akbar għadd ta’ popolazzjoni, b’żewġ oqsma industrijali u l-isptar ewlieni tal-gżira fil-periferija tagħha u għadd ta’ stabbilimenti u negozji privati oħra.

Ikkuntattjana

 
Birkirkara Local Council
Tieni Sular
Centru Civiku
Triq Tumas Fenech
Birkirkara
BKR2527

T: 21 442626
F: 21 442644

E: birkirkara.lc@gov.mt

Recent News